Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minn meta twaqqfet fil-bidu ta’ din is-sena s’issa, Project Green diġà ħabbret aktar minn €50 miljun investiment f’diversi proġetti madwar Malta u Għawdex. Dawn jinkludu proġetti li se jsiru fil-lokalitajiet ta’ San Ġwann, Mosta, fil-Kottonera, Tal-Pietà, Żurrieq, Raħal Ġdid, Marsaxlokk, San Pawl il-Baħar, Msida, Ħal Għargħur, Għajnsielem, Għaxaq, Mellieħa, Mtarfa, Santa Venera, kif ukoll l-ewwel ġnien carbon-neutral fil-gżira Għadwdxija li se jsir fix-Xewkija. Project Green nefqet €3,540 fuq reklamar inġenerali, €53,134.60 fuq reklamar ta’ proġetti, €10,642.04 fuq reklamar ta’ attivitajiet filwaqt li reklamar fuq il-mezzi soċjali kien jammonta għal €4,992.37. Fl-istess waqt, din is-sena diġà tlestew aktar minn 45,000 metru kwadru f’ġonna u spazji miftuħa ġodda jew riġenerati madwar il-pajjiż. Wieħed mill-għanijiet ta’ Project Green huwa li tinkoraġġixxi u żżid dejjem aktar l-użu ta’ dawn l-ispazji miftuħa mill-pubbliku u b’hekk tinvesti wkoll f’riklamar differenti biex aktar nies isiru jafu b’dawn l-ispazji u jkunu jistgħu jgawduhom.