Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għal dawn l-aħħar tliet snin, ħdimna kontinwament biex insaħħu l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Insemmi fost oħrajn, żewġ emendi importanti li saru fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kapitolu 549 tal-Liġijiet ta’ Malta): (i) Permezz tal-Att XXX tal-2023 li bis-saħħa tiegħu: a. L-Awtorità tista’ tagħmel infurzar iktar mgħaġġel permezz tal-possibbiltà li tista’ toħroġ ordnijiet ta’ emerġenza f’każ ta’ periklu imminenti għall-ambjent f’liema istanzi l-Awtorità tista’ taġixxi mill-ewwel (mingħajr it-trapass ta’ ħmistax-il ġurnata biex Ordni tiġi effettiva); b. Issaħħet bl-inklużjoni ta’ membru ieħor fuq il-Bord tagħha; c. Ġie stabbilit b’mod uffiċjali l-irwol tas-Segretarju tal-Bord tal-Awtorità; d. Ftaħna l-opportunità għal iżjed parteċipazzjoni pubblika waqt id-deċiżjonijiet u iktar aċċess għal ġustizzja u allura Awtorità iżjed trasparenti; e. Ġiet stabbilita fil-liġi l-proċedura li tirregola l-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, b’hekk ingħatat iktar trasparenza tal-proċessi tal-Awtorità (ii) Permezz tal-ATT Nru XVII tal-2024, il-mansjoni li tirregola r-riżorsi u l-minerali li kienet fir-responsabbiltà tal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi (Malta Resources Authority) għaddiet għand l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). B’dan l-Att, l-ERA ġiet fdata bis-setgħa li tiżgura l-aqwa użu tar-riżorsi minerali u tirregola l-minerali estratti. Numru ta’ avviżi legali li jirregolaw il-boreholes ġew trasferiti minn taħt l-Att dwar Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi (Kap 423) għal taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap 549). Inoltre, inħareġ abbozz ta’ Avviż Legali għall-konsultazzjoni pubblika, ir-Regolamenti tal-2024 dwar il-Permessi Ambjentali (Proċedura tal-Applikazzjonijiet u d-Deċiżjoni Relattiva), bil-għan li tiġi konsolidata fi strument wieħed il-proċedura li tiġi adoperata għall-permessi ambjentali. Permezz ta’ dawn ir-regolamenti se tinħoloq iżjed trasparenza fl-operat tal-Awtorità kif ukoll ċertezza legali, u b’hekk tibqa’ tissaħħaħ l-ERA. Matul dawn l-aħħar tliet snin daħħalna fis-seħħ diversi avviżi legali taħt il-Kap 549, li huma kollha infurzati mill-ERA fosthom: · Ġiet stabbilita l-Ponta tal-Qawra bħala Riserva Naturali; · Estendejna l-Park Nazzjonali tal-Inwadar; · Ġew introdotti diversi regolamenti li jirrestrinġu l-użu ta’ plastik li jintuża darba biss, fosthom il-projbizzjoni tal-pożati u straws tal-plastik; · Fil-qasam tal-iskart ġew promulgati diversi liġijiet fosthom ġiet stabbilita skeda nazzjonali għall-ġbir ta’ skart li ħolqot uniformità madwar Malta kollha, s-separazzjoni tal-iskart saret mandatorja u riċentement introduċejna l-obbligu li l-borża taż-żibel is-sewda tkun ftit trasparenti u dan biex jgħin lill-uffiċjali fl-ispezzjonijiet li jwettqu ta’ kuljum sabiex jinforzaw rimi bi ksur tal-liġi; · Daħħalna fis-seħħ moratorju fuq il-qbid tar-rizzi biex nassiguraw is-sostenibbiltà ta’ din l-ispeċi; · In-naħla Maltija ġiet protetta bħala insett nazzjonali. Iktar kmieni din is-sena, l-ERA ddikjarat Ħondoq ir-Rummien, iż-żoni tal-Qortin ta’ Isopu, il-Ġebla tal-Ħnejja u l-Ġebla tal-Fessej f’Għawdex kif ukoll iż-żona ta’ Xrobb l-Għaġin f’Malta bħala bħala Żoni ta’ Konservazzjoni Speċjali. Mal-uffiċjali tal-ERA, ġew ingaġġati wkoll numru ta’ uffiċjali b’kuntratt li qegħdin iwettqu spezzjonijiet regolari madwar Malta u Għawdex biex insaħħu l-infurzar u nilħqu l-miri ambizzjuzi li poġġejna dwar is-separazzjoni tal-iskart. Dettalji dwar dan il-kuntratt tajthom fit-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija parlamentari 21152. Sar investiment ukoll f’RHIB bil-għan li tissaħħaħ is-sorveljanza ambjentali fuq il-baħar kif ukoll twaħħlu numru ta’ kameras f’postijiet ambjentalment sensittivi li qegħdin ikunu sorveljati b’monitoring room magħmmra bl-iscreens. L-ERA kellha nefqa ta’ €16,275,959 għas-sena 2022, li din żdiedet għal €18,283,462 għas-sena 2023 filwaqt li sa Settembru 2024 kellha nefqa ta’ €12,713,212.