Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Interconnector 2 se jkun interkonnessjoni ta’ madwar 122-il kilometru, 225MW HVAC, li tinkludi 99 kilometru ta’ cable f’qiegħ il-baħar, 21 kilometru fi Sqallija u 2 kilometri f’Malta, u se jopera b’vultaġġ ta’ 220kV bejn il-Magħtab u Ragusa. It-tieni interconnector se jitqiegħed f’distanza sigura lil hinn mill-ewwel interconnector bejn iż-żewġ pajjiżi, li beda jopera fl-2015. Interconnect Malta Ltd. (ICM), li hija responsabbli minn dan il-proġett, bdiet ix-xogħol tagħha meta f’Settembru 2021 għamlet analiżi tar-rotot alternattivi u ssottomettiet Project Description Statement lill-awtoritajiet ambjentali. Fl-2022 ħarġet numru ta’ sejħiet internazzjonali fosthom għal Environmental Impact Assessment f’Malta u ieħor fl-Italja, Front End Engineering Design u Preliminary Marine Survey. Fl-istess sena għamlet l-istħarriġ preliminari tar-rotta marittima biex tikseb l-informazzjoni marbuta ma’ qiegħ il-baħar, speċifikament dik ġeofiżika, ġeoteknika u ttieħdu surveys ambjentali meħtieġa biex tiġi ppjanata l-aktar rotta sigura u sostenibbli għall-cable. Sar ukoll stħarriġ ġeotekniku u termiku tal-art tul ir-rotta terrestri kemm fi Sqallija kif ukoll f’Malta. Wara li ġiet identifikata u analizzata r-rotta preliminari tal-proġett, fl-2023, tlesta l-proċess tal-front-end engineering design, li pprovda d-dettalji tekniċi meħtieġa biex tkun tista’ toħroġ is-sejħiet għall-offerti finali għall-apparat meħtieġ u għall-iżvilupp u l-ikkummissjonar tal-cable taħt il-baħar u s-sistemi tiegħu fuq l-art. Dan id-disinn tal-inġinerija ddetermina l-esiġenzi tekniċi meħtieġa, inkluż id-daqs tal-cables, transformers, shunt reactors, sistemi ta' sigurtà u protezzjoni li kienu meħtiega biex jinħarġu s-sejħiet għall-offerti marbutin mal-inġinerija, akkwist u kostruzzjoni ta’ IC2. F’Awissu tal-2023, ġie konkluż l-environmental impact assessment f’Malta u kien approvat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li affermat li din l-infrastruttura ġdida mhux se jkollha impatti negattivi fuq l-ambjent, la fuq l-art u lanqas fil-baħar. F’Jannar tal-2024, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permess ta’ żvilupp li jkopri x-xogħlijiet meħtieġa biex jitqiegħed u jiġi protett il-cable fuq l-art u taħt il-baħar, bejn l-Istazzjon Terminali tal-Enemalta 132kV fil-Magħtab sa nofs ir-rotta bejn Malta u Sqallija. ICM qed tikkollabora wkoll mal-awtoritajiet Taljani biex tikkonkludi l-proċessi ta’ permessi fl-ibħra Taljani u fuq l-art fi Sqallija, fejn il-MASE ħarġet l-awtorizzazzjoni għall-proġett li hi suġġetta għal intesa finale mir-Reġjun Sqalli. Din is-sena nħarġu numru ta’ sejħiet għall-offerti marbuta mal-implimentazzjoni tal-proġett, fosthom dik għall-manifattura u l-installazzjoni tal-cables ta’ taħt l-art 245kV u 145kV, għall-provvista u l-installazzjoni ta’ 245kV 250MVA Auto-Transformer, 120MVAr u 240MVAr Variable Shunt Reactors, għall-manifattura, tqegħid u protezzjoni tal-cable ta’ taħt il-baħar, u għall-provvista u l-installazzjoni tal-220kV Switchgear, Fire Suppression System, u Fire Walls f’Ragusa. F’Ġunju li għadda, l-proġett kien approvat b’suċċess għall-finanzjament taħt il-Programm ERDF 2021-2027, speċifikament taħt Prijorità Tnejn ‘Promozzjoni ta' transizzjoni tal-enerġija nadifa u ġusta, ġestjoni sostenibbli tal-ilma mormi, u investiment aħdar’, Objettiv Speċifiku 2.3 ‘Żvilupp ta’ sistemi tal-enerġija intelliġenti, grids, u ħażna barra min-netwerk TEN-E’. Dan il-proġett ġie ddikjarat bħala ‘Operat ta' Importanza Strateġika’ minħabba l-kontribut sinifikanti tiegħu għall-kisba tal-prijoritajiet nazzjonali għall-Programm 2021-2027. Il-finanzjament tal-ERDF allokat għal dan il-proġett jammonta għal madwar €165 miljun. Il-proġett huwa parti mill-istrateġija tal-enerġija ta’ Malta biex tilħaq il-miri tal-klima u l-enerġija tal-2030 u l-miri ta’ dekarbonizzazzjoni fit-tul. Għandu l-għan li jiddiversifika s-sorsi tal-enerġija u jindirizza ż-żieda mistennija fid-domanda tal-elettriku minħabba t-tkabbir ekonomiku u l-elettrifikazzjoni tat-trasport. It-tieni cable link se ssaħħaħ il-konnessjoni ta’ Malta man-netwerk tal-elettriku tal-Unjoni Ewropea, li tippermetti importazzjoni akbar ta’ enerġija rinnovabbli. Il-proġett se jnaqqas ukoll l-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju billi jtejjeb il-ġenerazzjoni tal-enerġija lokali filwaqt li jissodisfa ż-żieda fid-domanda. Il-benefiċċji ewlenin jinkludu: · It-tisħiħ tal-interkonnettività tal-elettriku mal-UE biex tissodisfa d-domanda dejjem tikber. · Tipprovdi backup waqt emerġenzi bħal ħsara lill-cable eżistenti. · Appoġġ għall-għanijiet tal-klima ta’ Malta għall-2030 u l-2050. · Titjib tal-effiċjenza tal-ġenerazzjoni tal-enerġija lokali. · Żieda fis-sigurtà tal-enerġija permezz tad-diversifikazzjoni. · Nippermettu aktar enerġija rinnovabbli lokali (inkluż dik offshore) billi jiġu bilanċjati kwistjonijiet ta' intermittenza. In-nefqa s’issa kienet ta’ €5,235,319 għas-sena 2022, €3,181,131għas-sena 2023 filwaqt li għal din is-sena huwa stmat li l-ispiża se tlaħħaq €20 miljun.