Pajjiżna qed jaħdem biex isir investiment f’sistema ta’ ħażna ta’ enerġija f’batteriji, jew kif inhi magħrufa Battery Energy Storage Systems jew BESS. Essenzjalment dawn jikkonsistu fi grupp ta’ batteriji kbar magħqudin flimkien u li jistgħu jintużaw għal ħażna ta’ enerġija biex imbagħad, fi żmien qasir, iqassmu l-enerġija maħżuna meta l-enerġija rinnovabbli ma tkunx disponibbli - per eżempju bil-lejl meta ma jkunx hemm xemx fil-każ ta’ pannelli solari, jew meta ma jkunx hemm riħ fil-każ ta’ rdieden tar-riħ. Għal dan il-għan, dawn il-batteriji jkunu mqabbdin man-netwerk nazzjonali tal-elettriku tal-pajjiż. L-ewwel sistema ta’ ħażna fil-batteriji, imsejjħa BESS 1, se jkollha kapaċità ta’ 20MWh (8MW), u se titqiegħed f’post adattat fl-eks-power station tal-Marsa, filwaqt li t-tieni waħda, l-BESS 2, se jkollha kapaċità ta’ 64MWh (32MW) u se tiġi installata fil-power station ta’ Delimara. Infurmata li l-permessi meħtiega għall-iżvilupp taż-żewġ proġetti nħarġu mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Lulju 2024. Dan il-proġett jorbot mal-istrateġiji tal-enerġija u l-klima ta' Malta. Dan billi bħala proġett se jkun qed jgħin biex iktar enerġija rinnovabbli tkun integrata fis-sistema tal-enerġija tal-pajjiż. B'hekk mhux biss tisaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija iżda wkoll jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju. Dawn is-sistemi se jikkontribwixxu biex Malta tkun tista’ tilħaq il-miri tagħha ta’ dekarbonizzazzjoni. Dawn il-batteriji jservu wkoll biex titnaqqas l-intermittenza marbuta ma’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u b’hekk jgħinu biex il-grid tal-elettriku jkun iktar stabbli. Dan kollu jagħti lok għal żieda ta’ enerġija nadifa fl-energy mix tal-pajjiż, filwaqt li jillimita l-użu ta’ sorsi ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija minn fjuwils tal-karbonju. Enemalta ħarget sejħa għall-offerti għal servizzi ta’ flessibbiltà għal faċilitajiet ta’ ħażna, li għalqet fl-aħħar t’Ottubru. F’każ li l-offerti ma jkunux konformi mar-rekwiżiti tekniċi u finanzjarji, l-Gvern iqis li l-intervent tiegħu huwa meħtieġ biex jinvesti fil-proġett tal-BESS huwa stess. In-nefqa b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett s’issa kienet €99,617 (Exc VAT) fl-2023 u €422,877 (Exc VAT) din is-sena.