Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fl-2023, tlestew l-istudji biex id-disinn tal-proġett tal-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija ġie rivedut u b’hekk dan ikun jista’ jintuża wkoll għall-idroġenu bħala hydrogen ready pipeline. Dawn l-istudji ma kienux biss meħtieġa biex jiġi modifikat id-disinn tal-pipeline, imma wkoll biex, wara li sar l-assessjar meħtieġ, il-proġett żamm postu bħala Proġett ta’ Interess Komuni fil-lista tal-2023. Din il-lista ġiet approvata mill-Parlament Ewropew aktar kmieni din is-sena. In-nefqa fuq dawn l-istudji kienet tammonta għal madwar €1 miljun. Ninsab infurmata wkoll li l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) bdiet il-proċess tat-tendering biex takkwista s-servizzi ta’ konsulenti biex jitħejja studju estensiv fost l-industrija u s-settur tas-servizzi biex jiġu identifikati l-aħjar għażliet għad-dikarbonizzazzjoni ta’ dawn is-setturi. Fost dawn l-għażliet għandu jiġi kunsidrat ukoll l-użu tal-idroġenu. Huwa stmat li dan l-istudju se jiswa madwar €217,000. Dwar il-potenzjal li jintuża l-idroġenu fil-qasam tat-trasport nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi lill-Ministeru konċernat.