Il-Pjattaforma tal-ESG hija għodda volontarja bl-iskop li jiżdied l-għarfien u titqajjem kuxjenza dwar il-kredenzjali ambjentali, soċjali u governanza korporattiva. Din intlaqgħet b’mod tajjeb minn bosta intrapriżi, inkluż numru ta’ kumpaniji ta’ daqs medju u entitajiet li jaqgħu barra mill-ambitu tas-CSRD minħabba d-daqs tagħhom. Fil-fatt, skont l-aħħar rapporti, minn mindu tnediet il-Pjattaforma tal-ESG, in-numru ta’ intrapriżi li jirrappurtaw il-kredenzjali tagħhom tela’ għal 33. Barra minn hekk, rajna li numru ta’ kumpaniji li rrappurtaw dwar il-kriterji tagħhom irreġistraw tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li oħrajn irreġistraw tnaqqis fl-ammont totali ta’ skart iġġenerat. Numru ta’ kumpaniji rreġistraw ukoll żieda fl-ammont ta’ nisa involuti fit-tmexxija tagħhom kif ukoll żieda fl-ammont ta’ sigħat li l-impjegati jiddedikaw għat-taħriġ. Għaldaqstant, l-iskema tal-ESG, inizjattiva pilota amministrata mill-Malta Enterprise ġiet imnedija f’Settembru 2023 biex tassisti intraprizi fir-rappurtaġġ u l-valutazzjoni tal-kredenzjali tal-ESG tagħhom fuq l-istess Pjattaforma. 13-il kumpanija ibbenefikaw minn din l-iskema, li jammonta għal €36,375. Matul l-2024, il-Gvern beda l-proċess tad-diġitalizzazzjoni tal-eżerċizzju ta’ rappurtar tal-ESG bl-għan li jagħmel il-Pjattaforma tal-ESG aktar faċli għall-intrapriżi biex jirreġistraw il-kredenzjali tal-ESG tagħhom.