Parliamentary Question
Asked by EVE BORG BONELLO
Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar kemm mill-baġit ta’ Project Green ġie allokat fuq titjib ambjentali konkret?
Legislature XIV • 22/10/2024
Asked by EVE BORG BONELLO
Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar kemm mill-baġit ta’ Project Green ġie allokat fuq titjib ambjentali konkret?
Answered by MIRIAM DALLI
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul din il-Leġiżlatura tlestew jew jinsabu għaddejjin xogħlijiet fuq bosta proġetti ambjentali u interventi oħra ta’ afforestazzjoni, tħaddir urban u l-ħolqien ta’ spazji miftuħa. L-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir - Project Green, Ambjent Malta, Greenserv, GHRC u ERA - bejniethom diġà wettqu 30 proġett b’investiment ta’ aktar minn €15-il miljun u li flimkien iġibu medda art ta’ madwar 105,000 metru kwadru. Dawn minbarra bosta proġetti oħrajn li diġà nbeda x-xogħol fuqhom jew jinsabu fi stadju ta’ ppjanar u/jew studji. Fil-każ tagħha, Project Green għaddejja bi pjan ambizzjuż mifrux fuq medda ta’ 7 snin. L-Aġenzija tamministra l-proġetti ambjentali li jvarjaw minn dawk ta’ skala nazzjonali bħal parks u proġetti ta’ afforestazzjoni għal oħrajn fil-komunità, bħalma huma ġonna ġodda u proġetti oħrajn ta’ tħaddir fil-lokalitajiet. Fil-każ tal-ħolqien ta’ spazji miftuħa f’żoni urbani l-għan huwa li dawn ikunu jintlaħqu mill-familji fi ftit minuti mixi mid-djar tagħhom. Fl-ewwel sentejn tagħha, Project Green wettqet 18-il proġett ta’ sapzju miftuħ u għamlet ukoll xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni f’10 widien. L-investiment għal dan it-titjib ambjentali, li kien jinkludi wkoll tħawwil ta’ siġar u manutenzjoni, huwa stmat għal madwar €6.5 miljun. Il-proġetti li diġà saru mill-Aġenzija huma Ġnien iż-Żgħażagħ (Gudja), Ġnien ir-Rinella (Kalkara), San Klement Picnic Area (Żabbar), San Klement OCR (Żabbar), Dog Park & Picnic Area (Safi), Ġnejnet iċ-Ċkejken Ziam (Kalkara), Ta’ Qali Dog Park, Minden Grove (Ta’ Qali), Ġnien Hibiscus (San Ġwann), Bengħajsa Park Phase 1 (Birżebbuġa), Baħrija School (Baħrija), Milbrae Grove (Mosta), Sant’Antnin Picnic and Toddler Area (Marsaskala), Ġnejnet Nikol Aquilina (Qrendi), Pollinator Garden (San Ġwann), Helen Keller School (Qrendi), San Ġwann t’Għuxa (Bormla) u Erba’ Mwieżeb Phase 1 (San Pawl il-Baħar). Il-widien li fihom sar xogħol ta’ riġenerazzjoni huma Wied iċ-Ċawsli (Qormi), Wied ta’ Għajn il-Kbira (Siġġiewi), Wied il-Lunzjata (Rabat), Wied l-Isqof (Rabat), Wied Speranza (Mosta), Wied Mejxu (Swieqi), Wied il-Lewża (Siġġiewi), Wied Ħemsija (Rabat), Wied Qannotta u l-Wied tal-Baħrija. Għas-snin li ġejjin, Project Green qed taħdem fuq 118-il proġett differenti b’investiment ta’ €350 miljun biex inkomplu noħolqu spazji miftuħa mifruxa mal-pajjiż u ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Proġetti li flimkien iġibu medda art ta’ madwar 1.7 miljun metru kwadru - daqs 240 grawnd tal-futbol. Uħud minn dawn il-proġetti diġà beda x-xogħol fiżiku fuqhomu u għas-sena d-dieħla, l-Aġenzija qed tippjana li tlesti 19-il proġett ieħor ġdid - medda ta’ 120,000 metru kwadru ta’ spazji miftuħa li se jiġu riġenerati. Proġetti li l-pubbliku se jkun qed igawdihom fix-xhur li ġejjin.