Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Ambjent Malta wettqet interventi tul ir-rotta tal-Victoria Lines, li kienet maqsuma f’10 trails li jġibu16-il kilometru. Dawn l-interventi inkludew it-tindif tal-passaġġi mill-iskart u l-veġetazzjoni eċċessiva, żbir esetnsiv kif ukoll l-installazzjoni ta’ sinjali li jindikaw il-bidu u d-direzzjoni tat-trails. Barra minn hekk, diġà għamlet diversi proġetti ta’ tħaddir urban u tisbiħ ta’ toroq flimkien ma’ interventi ambjentali oħra mifruxa madwar Malta u Għawdex bħalma huma dawk ta’ Wied Inċita, il-Ġnien Kostali ta’ Wied iż-Żurrieq, il-proġett ta’ Qasam Ħal Tmin fiż-Żejtun, Ġnien Sembjożi f’Santa Luċija, Mosta Eco-Garden - Ġnien Carmelo Dimech u Ġnien Kenn is-Salvatur fl-Għasri. Ambjent Malta għaddejja bi proċess ta’ konsultazzjoni, stħarriġ u valutazzjoni fejn qed jiġu kunsidrati kwistjonijiet relatati mal-aċċessibbiltà, is-sjieda tal-art u s-saħħa u s-sigurtà f’ċerti żoni. F’dan l-ambitu, qed jitwettaq studju komprensiv fejn bl-użu ta’ għodda diġitali (GIS - Geographic Information Sytstems), qegħdin jiġu investigati u immappjati mogħdijiet rurali matul il-kosta madwar Malta u Kemmuna għat-twaqqif ta’ network nazzjonali ta’ Nature Trails. Twettaq studju komprensiv tal-fattibbiltà biex jiġu identifikati opportunitajiet għal konnettività msaħħa bejn mogħdijiet tal-mixi eżistenti, żvilupp ta’ mogħdijiet fin-natura ġodda u twaqqif ta’ netwerk nazzjonali ta’ mogħdijiet għall-mixi fin-natura u passaġġi kostali. Dan l-eżerċizzju jinkludi ġbir ta’ informazzjoni fuq dawn il-mogħdijiet, inkluż punti ta’ informazzjoni, postijiet fejn hemm bżonn tindif minħabba skart mormi, vandaliżmu u problemi ta’ aċċess. Madwar 61 kilometru ta' mogħdijiet rurali u 102 kilometri ta' mogħdijiet urbani/pavimentati ġew investigati u immappjati fuq il-post. Ġew identifikati: - 189 żona fejn hemm bżonn xi tip ta’ intervent, bħal tindif; - 314 post ta’ importanza naturali u/jew kulturali u/jew storika li potenzjalment itejbju l-esperjenza tan-“Nature Trail”. Qegħdin jiġu konsultati wkoll numru ta’ stakeholders, fosthom l-Awtorità tat-Turiżmu, l-Awtorità tal-Artijiet, Friends of the Victoria Lines Trail u Birdlife Malta, fost l-oħrajn. Dawn il-konsultazzjonijiet qegħdin jipprovdu informazzjoni importanti dwar il-valutazzjoni tal-mogħdijiet magħżulin.