Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ġew identifikati żewġ siti. Fil-każ ta' sit minnhom, inħass li dan għandu potenzjal biex fl-inħawi jiġi żviluppat park b’aktar afforestazzjoni u faċilitajiet ta’ rikreazzjoni biex jitgawda iżjed mill-pubbliku. Dan il-proġett se jsir minn Project Green u se jkun mifrux fuq medda ta’ 5,600 metru kwadru b’investiment stmat ta’ madwar €1.6 miljun. Dan il-proġett se jkun qed jerġa’ jagħti l-ħajja lil żona bejn it-triq ta’ mal-kosta u żona residenzjali biex tattira lill-familji u viżitaturi oħrajn permezz ta’ spazju għall-pikniks, żona bil-logħob għat-tfal u mogħdijiet għall-mixi fost attrazzjonijiet oħrajn. Ambjent Malta identifikat sit ieħor mal-kosta ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, dak tal-Għadira s-Safra, fejn il-proġett tagħha se jinkludi t-tħawwil ta’ aktar siġar u l-ħolqien ta’ walking trails aċċessibbli għall-viżitaturi u l-għawwiema. Ambjent Malta qed tħejji l-abbozz għas-sejħa tal-offerti biex tkun tista’ timplimenta dan il-proġett. Fuq is-sit l-ieħor fl-inħawi tal-Madliena, diġà neħħiet diversi speċi aljeni invażivi biex hemmhekk jitħawlu siġar u arbuxelli indiġeni.