Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-investiment mill-Enemalta matul l-aħħar tliet snin kien kontinwu biex tkompli ssaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Bħalissa Enemalta tinsab fit-tielet sena mill-pjan ta’ sitt snin għar-rinfurzar fis-sistema fejn ġew allokati €90 miljun biex dan it-tisħiħ ikun jista’ jiġi implimentat. Matul is-snin 2022 u 2023 Enemalta kompliet taħdem fuq diversi livelli fl-infrastruttura tagħha. F’dawk is-sentejn ikkummisjonat 91 substation ġdida, permezz ta’ tkabbir ta’ transformers saħħet 22 substation u biddlet switchgear f’44 substation oħra. Dawn ix-xogħlijiet komplew isaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni għad-djar u n-negozji tagħna. Ma’ dan ix-xogħol f’substations ġodda kien hemm it-tqegħid ta’ madwar 18-il kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art fuq livell ta’ vultaġġ medju kif ukoll 145 feeders ġodda fuq livell ta’ vultaġġ baxx. Sar ukoll xogħol fuq estensjonijiet ta’ tliet ċentri ta’ distribuzzjoni. Dawn iċ-ċentri rdupjatilhom il-kapaċità biex ikomplu jfornu lill-konsumaturi. Iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni li ġew imsaħħa fl-2022 u 2023 kienu ta’ Marsaskala, l-Imrieħel u ta’ Ħal Tarxien. Fl-2024 Enemalta skattat pjan aċċellerat ta’ tisħiħ fin-network tad-distribuzzjoni fejn b’investiment ta’ €55 miljun, f’sitt xhur tpoġġew 82 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art fuq livell ta’ vultaġġ medju. Dawn ix-xogħlijiet saru b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta. Lejn l-aħħar tas-sena inbdew xogħlijiet biex jitpoġġew 60 kilometru ta’ cables ġodda oħra madwar Malta u Għawdex fejn dan it-tisħiħ se jkompli jżid ir-reżiljenza fl-infrastruttura elettirka tagħna. Fuq livell ta’ vultaġġ baxx b’kollox inxtegħlu 166 low voltage feeders ġodda li jwasslu l-provvista tal-elettriku mis-substations għal għand l-konsumaturi kif ukoll inbidlu madwar 47 kilometru ta’ linji tal-elettriku fit-toroq. Dan il-pjan aċċellerat ma kienx biss jinvolvi t-tqiegħid ta’ cables ġodda. Enemalta kkumissjonat 54 substation ġdida f’lokalitajiet madwar Malta u Għawdex f’diversi lokalitajiet. In-network tas-substations qiegħed jiġi msaħħaħ ukoll permezz ta’ modernizzar tat-tagħmir f’substations ezistenti. Enemalta għamlet xogħlijiet ta’ tkabbir ta’ transformers f’47 substation eżistenti u biddet 29 switchgear fejn ġie installat apparat iktar modern, li f’każ ta’ diffikultajiet ikun jista’ jiġi operat mill-kamra tal-kontroll fil-Marsa u tnaqqas il-ħin biex tingħata lura l-provvista. Fl-2024 Enemalta ħadmet ukoll fuq ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda kif ukoll oħrajn li tkabbret il-kapaċità tagħhom. Sar tkabbir taċ-ċentru ta’ distribuzzjoni ta’ Bugibba fejn żdied transformer ta’ 30MVA u tkabbar l-iswitchgear biex issaħħet id-distribuzzjoni fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra. Inbeda wkoll xogħol preparatorju biex tiġi rduppjata l-kapaċità taċ-ċentru ta distribuzzjoni f’St. Andrews u l-Imsida, kif ukoll biex jiżdiedu żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni oħra, wieħed fin-Naxxar u ieħor fis-Siġġiewi. Inbeda wkoll ix-xogħol b’rabta mal-link ġdid ta’ 132 kilovolt li se jsir bejn it-Terminal fil-Magħtab u ċ-ċnetru ta’ distribuzzjoni fil-Mosta bi preparazzjoni għat-tieni interconnector ippjanat jiġi kkummissjonat fl-2026.