Fil-bidu t’Ottubru li għadda waqqafna l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fl-Ewropa u li l-għan aħħari tagħha huwa li tiżgura li l-effetti tal-bidla fil-klima jkunu segwiti ħalli hekk dan il-fenomenu jibqa’ jiġi miġġieled b’mod effettiv u b’saħħtu. L-Awtorità se tagħmel dan billi tisma’, tikkordina, u tieħu azzjoni b’mod effettiv, fosthom anke b’leġiżlazzjonijiet u regolar, filwaqt li tikkonsolida l-isforzi maqsuma tal-passat f’ħidma waħda kollettiva għall-azzjoni klimatika. Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-nefqa fuq l-attività tat-tnedija, inkluż ir-relazzjonijiet pubbliċi, kienet ta’ madwar €40,000, filwaqt li l-onorarja pagabbli lill-membri tal-bord u tal-kunsill bejniethom tammonta għal €94,824 fis-sena.